DEHRA ĠDIDA GĦALL-PJAZZA TAL-IMTARFA

Поделиться
HTML-код
  • Опубликовано: 18 сен 2024
  • ONE.COM.MT • Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’ħidma intensiva biex il-Pjazza tal-Imtarfa tingħata dehra ġdida u isbaħ biex tkun tista’ titgawda aħjar mill-komunità.
    Dan ix-xogħol se jkun qiegħed jikkumplimenta r-restawr estensiv li sar fuq it-Torri tal-Arloġġ fl-Imtarfa, wirt tal-era kolonjali li jmur lura għal aktar minn 125 sena.
    KITBA: FRANCESCO BORG
    FILMAT: MTIP_PS
    Bħalissa, il-Pjazza tal-Imtarfa għaddejja minn xogħlijiet intensivi biex din tingħata dehra ġdida u isbaħ u b’hekk tkun tista’ titgawda mill-komunità tal-lokalità u kull min iżurha.
    Dan ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni se jwassal biex, fi ftit xhur oħra, il-pjazza tkun qiegħda tinbidel fi spazju miftuħ u rikreattiv fejn ir-residenti Mtarfin ikollhom spazju fejn jirrilassaw fil-ħin liberu.
    Karatteristika ewlenija ta’ din il-pjazza hekk ġdida se jkunu l-passaġġi pedonali, li jdawru l-pjazza. Fil-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ pavimentar fuq il-pjazza.
    Minbarra x-xogħlijiet infrastruttuali, fosthom landscaping ġdid, l-aspett ambjentali se jkun qed jingħata prijorità wkoll. Fil-fatt se jkunu qegħdin jitħawlu siġar ġodda tal-ballut u varjetà ta’ arbuxelli u fjuri tal-istaġun.
    It-tisbiħ tal-pjazza jara wkoll bini ta’ funtana ġdida u l-ħolqien ta’ sistema għat-tisqija mqabbda ma’ ġibjun ġdid u ieħor eżisteni. Iż-żewġ ġibjuni flimkien se jkunu kruċjali għall-ġbir tal-ilma tax-xita u ż-żamma tas-siġar li se jitħawlu.
    Fl-aħħar ġimgħat, tneħħew l-arkati li kien hemm biex il-pjazza prinċipali u dik sekondarja jingħaqdu u jinħoloq spazju wieħed miftuħ, waqt li nkixfet il-faċċata tal-Padiljun, binja li nbniet mis-servizzi Ingliżi.
    Fir-rigward ta’ parkeġġi, iż-żona, li kien hemm fuq in-naħa tat-Triq ir-Reġimenti Maltin, se tiġi organizzata mill-ġdid biex ukoll tinkludi numru ta’ parkeġġi għal persuni b’diżabilità.
    Is-Sindku tal-Imtarfa Dale Hayman qal li hu jħares b’entużjażmu lejn it-tlestija ta’ dan il-proġett ta’ madwar €1.5 miljun, hekk kif il-lokalità se jkollha spazju miftuħ ta’ rikreazzjoni li wkoll jibda jilqa’ numru ta’ attivatjiet kulturali fil-futur.
    DALE HAYMAN
    SINDKU, MTARFA
    “Aktar kemm ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed naraw l-importanza ta’ spazji miftuħa. Hawnhekk fl-Imtarfa qed naraw pjazza pedonali li qed terġa’ tiġi riġenerata, grazzi għall-Public Works b’investiment ta’ miljun u nofs ewro.”
    Waqt li żar ix-xogħlijiet, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia spjega li l-politika tal-Gvern, għax hi bbażata min-nies għan-nies, qiegħda tipprijoritizza l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet u l-komunitajiet ta’ pajjiżna.
    OMAR FARRUGIA SEGRETARJU PARLAMENTARI
    “Fl-aħħar xhur smajna lir-residenti fil-komunitajiet fejn tkellmu dwar il-ħtieġa li jkollna aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna. Hawnhekk, fl-Imtarfa, għaddejjin b’xogħlijiet importanti ħafna biex il-pjazza prinċipali tingħaqad ma’ dik sekondarja u tiġi spazju wieħed miftuħ għar-residenti.”

Комментарии •