ĊANFIRA OĦRA MILL-QORTI LIL JASON AZZOPARDI

Поделиться
HTML-код
  • Опубликовано: 15 сен 2024
  • ONE.COM.MT • L-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi llum ingħata ċamata oħra mill-Qorti f’inqas minn ġimgħa dwar kummenti u posts fil-midja soċjali li wkoll jinterferixxu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u jinfluwenzaw lill-ġurati, li għadhom iridu jintagħżlu fil-proċess għall-ġuri ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
    Esperti legali, li tkellmu ma’ ONE News, kienu qalu li ma jeskludux li dan kien qed isir apposta biex il-każ kollu kontra Fenech jitwaqqa’.
    KITBA: EMAN PORTELLI
    FILMAT: ARKIVJI
    Il-Qorti Kriminali mill-ġdid ċanfret l-imġieba persistenti tal-eks Deputat Nazzjonalista u avukat ta’ Repubblika, Jason Azzopardi, dwar kummenti tiegħu fuq il-proċeduri ġudizzjarji kontra Yorgen Fenech, li jinsab mixli li kien il-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017.
    Quddiem l-Imħallef Edwina Grima, li qed tippresiedi l-każ, ittella’ jixhed Azzopardi wara rikors fil-konfront tiegħu mid-Difiża, wara li dan reġa’ kiser digriet tal-istess Qorti Kriminali ftit tal-jiem ilu waqt intervista li l-eks Deputat tal-‘Blue Heroes’ ta lis-sit Lovin’ Malta.
    Il-ġimgħa l-oħra, il-Qorti ddikjarat li l-kummenti ta’ Azzopardi, fejn allega li l-provi kollha jippontaw lejn Fenech, jippreġudikaw ġuri ġust fil-konfront tal-akkużat.
    Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Grima kienet sostniet li tali kummenti jinterferixxu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u anke jinfluwenzaw lill-ġurati, li għadhom iridu jintagħżlu fil-proċess għall-ġuri. Għalhekk kienet ordnat li jitneħħew partijiet mill-intervista tal-Lovin’ Malta.
    Hekk kif itella’ jixhed quddiem l-Imħallef il-Ħamis filgħodu, Azzopardi ġie mistoqsi dwar tliet posts partikolari fuq Facebook. Waħda kienet tinvolvi t-tixrid ta’ post ta’ Robert Aquilina, ħu d-Deputat Nazzjonalista attwali Karol Aquilina, li ttrattat lil Fenech u l-proklama li kien talab.
    Fil-fatt, l-Imħallef Grima ordnatlu jneħħi dawn il-posts minn fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu hekk kif sostniet li mhux jagħraf il-konsegwenzi ta’ kitbietu.
    Sadanittant wara argumenti miż-żewġ naħat l-istess seduta, l-Imħallef ordnat biex il-midja ma tikkwotax dak li kiteb Jason Azzopardi fil-posts tiegħu. Dan minbarra li sostniet li, jekk din l-imġieba tippersisti, kienet se tkompli tisma’ l-każ bil-bibien magħluqin.
    Kienu bosta li fil-jiem li għaddew irreaġixxew għall-imġieba ta’ Jason Azzopardi, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela fejn irrimarka li, bid-deċiżjoni tagħha dwar l-Avukat tar-Repubblika, il-Qorti ħadet deċiżjoni li tipproteġi l-proċess ġudizzjarju mill-attakki perikolużi fuq l-integrità tal-proċess li għamlu nies tal-Oppożizzjoni.
    Ma’ dan, il-pubblikatur tal-MaltaToday, Saviour Balzan, innota kif l-aġir ta’ Azzopardi hu wieħed orribbli u li sempliċiment isaħħaħ id-difiża tal-akkużat.
    Esperti legali, li tkellmu ma’ ONE News, stqarrew li ma jeskludux li tali kummenti kellhom l-għan li tassew iħarbtu l-proċeduri li għaddejjin u teknikament iwasslu biex il-każ kollu jaqa’. Dan, aktar u aktar, meta Azzopardi jaf sew kif taħdem is-sistema ġudizzjarja.

Комментарии •